Skip to content

Tieqa intelliġenti tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20%

  • by
Exterior with PV Panel

28 ta’ Jannar 2014 |

Il-proġett Climawin, żviluppat minn konsorzju mid-Danimarka, l-Irlanda u l-Ġermanja, iffinanzjat mill-UE

Konsorzju magħmul minn tliet kumpaniji li jimmanifatturaw u jissupplixxu twieqi u sistemi ta’ ventilazzjoni żviluppaw teknoloġija ġdida fejn twieqi jirkupraw is-sħana, maħsuba biex jintużaw fi proġetti ta’ rinnovament ta’ bini residenzjali u kummerċjali. Fix-xitwa, it-twieqi u s-sistemi ta’ ventilazzjoni huwa fost l-aktar fatturi li jikkawżaw telf ta’ sħana, u dawn it-twieqi jindirizzaw din il-problema. It-twieqi intelliġenti CLIMAWIN għandhom ukoll sistema awtomatika li tbaxxi t-temperatura meta din tkun għolja, bir-riżultat li jitnaqqas il-bżonn tal-arja kondizzjonata, u b’hekk tagħmilhom adatti għal kull tip ta’ klima.

Kif taħdem

3 functions diagram
3 functions diagram

“Ħafna mis-sħana tintilef mit-twieqi. Il-prodott innovattiv tagħna jerġa’ jiċċirkola s-sħana biex ma tintilfx. Testijiet juru li l-konsum tal-enerġija f’bini mgħammar kompletament bi twieqi CLIMAWIN jonqos bejn 18% u 24%,” spjega Brian O’Brien, rappreżentant tal-proġett fi ħdan il-kumpanija Solearth Ecological Architecture.

Hu kompla jispjega, “CLIMAWIN hija maħsuba biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja billi ssaħħan l-arja tal-binjiet li jħarsu lejn it-tramuntana, il-lvant u l-punent fi klimi moderati u kesħin, u dan billi tuża l-enerġija iġġenerata mix-xemx fuq faċċati li jħarsu lejn in-nofsinhar. F’pajjiżi sħan, din it-tieqa tbaxxi t-temperatura u tħalli d-dawl tax-xemx jgħaddi, imma żżomm is-sħana barra. Din it-teknoloġija mistennija tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’mod konsiderevoli waqt li tagħmel il-ħajja aktar komda, kemm f’bini residenzjali kif ukoll f’dak kummerċjali li preżentament m’għandhomx sistemi ta’ ventilazzjoni effettivi.”

Exterior with PV Panel
Exterior with PV Panel

It-tieqa, li kienet żviluppata minn seba’ imsieħba – mid-Danimarka, il-Ġermanja, il-Portugall u l-Irlanda permezz ta’ fondi mill-UE biex wettqu programm ta’ riċerka u żvilupp imsejjaħ CLIMAWIN – issaħħan l-arja li tkun dieħla minn barra, titħaddem permezz tal-enerġija ġġenerata mix-xemx u żżomm it-temperatura stabbli permezz ta’ ‘sensors’ imwaħħla fil-kmamar. Għandha diversi elementi li jagħmluha aħjar minn prodotti simili eżistenti, fosthom fetħiet integrati għal kontroll aħjar tal-arja, filtri, ċirkuwiti elettroniċi u kommunikazzjoni ‘cordless’ ma’ ‘sensors’ imwaħħla fil-kmamar (u b’hekk tista’ titwaħħal minflok twieqi eżistenti mingħajr il-ħtieġa li tkun immodifikata l-installazzjoni tal-elettriku eżistenti), kif ukoll sistemi biex jilqgħu għal klimi differenti u kondizzjonijiet ta’ temp estremi.

Matul perjodu ta’ riċerka u żvilupp ta’ tliet snin, imsejjaħ CLIMAWIN, ġiet żviluppata tieqa intelliġenti li ttejjeb il-ventilazzjoni u tnaqqas it-telf tas-sħana. Din it-tieqa innovattiva iddawwar l-arja b’mod naturali, tirkupra s-sħana, taħdem bl-enerġija iġġenerata mix-xemx u tirregola lilha nnfisha.

Opportunità ta’ negozju globali
Il-proġett ta’ riċerka u żvilupp dam għaddej tliet snin, u issa din it-teknoloġija qed tkun varata b’mod kummerċjali, fejn it-twieqi CLIMAWIN se jidħlu fis-suq Ewropew lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Produtturi li jixtru l-liċenzja mill-konsorzju se jkunu jistgħu jinkorporaw it-teknoloġija CLIMAWIN fil-produzzjoni tagħhom. Il-konsorzju qed jaħdem biex idaħħal il-prodott tiegħu ukoll fi swieq lill hinn mill-Ewropa, fosthom fl-Istati Uniti, il-Kanada u r-Russja.

Michael Jennings, f’isem il-Kummissarju responsabbli għar-riċerka, ix-xjenza, u l-innovazzjoni Máire Geoghegan-Quinn,  qal li “CLIMAWIN turi li l-ħarsien tal-ambjent ifisser ukoll opportunitajiet kbar għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Teknoloġiji simili jgħinu lill-konsumaturi u lin-negozji jtaffu l-kontijiet tal-enerġija. L-UE se tkompli tgħin proġetti ta’ riċerka bħal dan permezz tal-programm il-ġdid tagħna Horizon 2020.”

Dwar CLIMAWIN
CLIMAWIN hija sistema avvanzata ta’ ventilazzjoni (li tirkupra s-sħana) żviluppata minn Solearth Architecture ġewwa Dublin, l-Irlanda, Rauh Fensterbau f’Sassendorf, il-Ġermanja u Horn Vinduer f’Lunderskov, id-Danimarka, bil-kollaborazzjoni ta’ Fraunhofer Institute, Aalborg University, id-Danimarka u d-Dipartiment tal-Elettronika tal-Università ta’ Minho, il-Portugall, wara proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-UE fl-2012. B’kollox, sat-tlestija tat-tieni proġett li għadu qed jiġi implimentat, il-konsorzju se jkun irċieva €1.4 miljun f’fondi Ewropej.

It-teknoloġija CLIMAWIN hija primarjament maħsuba għas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari għal proġetti ta’ restawr ta’ binjiet li m’għandhomx sistemi ta’ ventilazzjoni adegwati. Grazzi għall-kapaċità doppja tagħha li tagħmel l-aħjar użu mill-arja ta’ ġewwa waqt li timmassimizza l-effiċjenza termali, it-teknoloġija CLIMAWIN hija mistennija li tkun minn ta’ quddiem fl-użu f’binjiet li jħallu l-inqas impatt ambjentali possibbli.

It-twieqi CLIMAWIN se jidħlu fis-suq madwar l-Ewropa fl-aħħar tal-2014 u se jkunu magħmula mill-injam, taħlita ta’ injam u aluminju, u mill-aluclad immanifatturat fid-Danimarka u l-Ġermanja. Tagħrif dwar din it-teknoloġija jinstab fuq is-sit www.climawin.eu. CLIMAWIN hija interessata li tiżviluppa sħubiji ta’ liċenzjar ma’ kumpaniji li jimmanifatturaw it-twieqi u li jixtiequ jutilizzaw l-għarfien u jinkorporaw it-teknoloġija CLIMAWIN fil-prodotti tagħhom.

Dwar finanzjament Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni
Fl-1 ta’ Jannar 2014, l-UE nediet programm ta’ riċerka u innovazzjoni ġdid ta’ seba’ snin imsejjaħ Horizon 2020. Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-UE se tkun qed tinvesti madwar €80 biljun fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività ekonomika Ewropea u tkabbar l-għarfien. Il-baġit tal-UE għar-riċerka jiffoka l-aktar fuq l-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Proġetti ta’ riċerka bi sħab mal-industriji aerospazjali, tal-farmaċewtika, tal-karozzi, u tal-elettronika jinkoraġġixxu wkoll aktar investiment mis-settur privat, li jwassal għat-tkabbir ekonomiku waqt li jinħoloq aktar xogħol speċjalizzat. L-għan tal-programm Horizon 2020 huwa li aktar ideat innovattivi jissarrfu fi prodotti, proċessi u servizzi. Tagħrif dwar l-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej jista’ jinkiseb mis-siti:http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020
http://www.facebook.com/innovation.union
http://twitter.com/innovationunion

 

Kuntatt – Il-Kummissjoni Ewropea:: Michael JENNINGS