Skip to content

Rota tingħalaq għal ambjent aħjar

  • by
Mela Verde_© Tecnologie Urbane

15 ta’ Mejju 2014 |

  • Dalwaqt naraw fit-toroq u fuq it-trasport pubbliku madwar l-Ewropa rota li tiżen 7.5 kilogrammi li taħdem bl-elettriku u li tiġi daqs ta’ bagalja meta tingħalaq
  • Disinn u proċess ta’ produzzjoni innovattivi żviluppati minn Bike Intermodal jiftħu t-triq għal ġenerazzjoni ġdida ta’ roti li għandhom inaqqsu l-karozzi mit-toroq u jħaddru t-toroq tagħna
Bike Intermodal - ©Tecnologie Urbane
Bike Intermodal – ©Tecnologie Urbane

Minbarra li rikba fuq ir-rota hija attività pjaċevoli, hija wkoll mod prattiku ħafna ta’ vjaġġar. Imma fl-istess waqt din tista’ tikkomplika ruħha meta wieħed ikollu bżonn jgħaddi minn postijiet urbani ffullati, kif ukoll bir-rata ta’ serq tar-roti dejjem tikber. Ir-roti li jingħalqu qed isiru dejjem aktar popolari minħabba li jagħmlu l-mobilità urbana iktar faċli hekk kif dawn jistgħu faċilment jintużaw fit-toroq u jittellgħu fuq it-trasport pubbliku. Matul il-proġett Bike Intermodal (www.bike-intermodal.eu), iffinanzjat mill-UE, ġie żviluppat prototip ġdid ta’ rota li tingħalaq f’kaxxa ta’ 50cm x 40cm x 15cm, tiżen biss 7.5 kilogrammi, u li tista’ faċilment tinġarr, tintrefa’ fi spazju żgħir, kif ukoll titpoġġa x’imkien fil-ġenb f’xi restorant, bar jew iċ-ċinema. Il-partijiet kollha ta’ din ir-rota huma reċiklabbli, u b’hekk ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.
Alessandro Belli f’isem il-kumpanija Tecnologie Urbane, waħda mill-fundaturi u msieħba prinċipali ta’ Bike Intermodal spjega li, “permezz ta’ Bike Intermodal għaqqadna flimkien l-aħjar prattiki fl-iddisinjar, fil-produzzjoni u l-assemblaġġ, u fl-użu tal-aqwa materjali disponibbli sabiex ħloqna rota kompatta, ħafifa u attraenti li hija perfetta għall-bżonnijiet tal-ħajja urbana. Nittamaw li din ir-rota mhux biss tikkonvinċi lil dawk li jsuqu r-rota regolarment, imma tinkoraġġixxi wkoll li dawk li ma tantx iħobbu jużaw ir-rota biex jippruvawha ħalli jesperjenzaw il-libertà li din tagħtihom.

Bike Intermodal (Closed) - ©Tecnologie Urbane
Bike Intermodal – ©Tecnologie Urbane

Rivoluzzjoni fl-iddisinjar ta’ roti li jingħalqu
Kull sena jiġu prodotti madwar 135 miljun rota, bir-roti li jingħalqu jirrappreżentaw madwar 2% tas-suq. Bike Intermodal miexja mill-produzzjoni tar-rota tipika lejn waħda spirata mill-industrija awtomobilistika. “Saħħaħna r-rota billi llimitajna n-numru ta’ partijiet u billi użajna l-aktar materjal ħafif u reżistenti li hawn fis-suq, bħal manjesju. Kull parti hija ttestjata, traċċabbli u riċiklabbli. Il-proċess tagħna jiffoka fuq il-kontroll tal-kwalità, it-traċċabilità tal-prodott u l-kuxjenza ambjentali,” saħaq Alessandro Belli.

Fil-qalba tar-“roti intermodali” hemm il-qafas li jinfetaħ u jingħalaq bħar-roti tal-ajruplani, magħmul mill-aluminju fondut jew mill-manjesju, u b’kejbils bħal dawk li jintużaw fl-ibburdjar. Il-kumpanija qiegħda tistudja l-possibbiltà li fil-futur tuża l-‘graphene’ biex tkompli ssaħħaħ u tħaffef il-qafas tar-rota. Mutur iddisinjat u żviluppat apposta mill-kumpanija msieħba fil-proġett Maxon Motor iżżid il-mobilità mingħajr ma żżid il-piż b’mod eċċessiv. Ir-rota bil-mutur tiżen kważi n-nofs ta’ kemm tiżen rota simili bla mutur u tieħu madwar 80% inqas spazju.

Il-piż u d-daqs tar-rota ġew mtejba permezz ta’ provi fit-toroq imfassla mill-Università ta’ Firenze u mwettqa mill-imsieħba ATAF u LPP, fornituri tat-trasport pubbliku fl-ibliet ta’ Firenze (IT) u Ljubljana (SI). Dawn l-istudji, ibbażati fuq kwestjonarji u testijiet b’roti li jingħalqu ta’ produtturi oħra, u mwettqa minn kampjun ta’ nies minn oqsma differenti tal-ħajja, fosthom ħaddiema u studenti, għenu lir-riċerkaturi jifhmu l-elementi varji meħtieġa biex itejbu l-użu faċli ta’ din ir-rota.

L-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott
Il-proġett ta’ riċerka Bike Intermodal irċieva €1.58 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea. Wara li lestiet il-fażi ta’ riċerka, il-kumpanija kompliet tottimizza l-proċess tad-disinn u l-produzzjoni tar-rota u issa waslet fl-istadju li tipproduċi prototip li jkun vijabbli kummerċjalment. Il-kumpanija għaddejja b’taħditiet ma’ numru ta’ investituri u kumpaniji fl-industrija awtomobilistika sabiex jintroduċu l-prototip fis-suq. Meta tkun ikkummerċjalizzata, Alessandro Belli jistma li r-rota se tkun tiswa madwar €800 għal verżjoni mingħajr mutur u madwar €1,300 għall-mudell bil-mutur. Mudel bażiku ‘fixie’ se jkun jiswa madwar €500. B’aktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni Ewropea tgħix fl-ibliet, u b’dan in-numru mistenni li jkompli jikber, il-potenzjal kummerċjali huwa kbir.

Michael Jennings, f’isem il-Kummissarju responsabbli għar-riċerka, ix-xjenza, u l-innovazzjoni Máire Geoghegan-Quinn, qal li “Bike Intermodal hija tip ta’ innovazzjoni li jeħtieġ li naraw aktar bħalhom fl-Ewropa – innovazzjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività ekonomika. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-programm il-ġdid ta’ finanazjament ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, Horizon 2020, huwa li jwassal ideat bħal din mil-laboratorji għall-kummerċjalizzazzjoni. Aktar ma jkollna kumpaniji innovattivi, aktar ikun ta’ ġid għall-ekonomija Ewropea.

Għal aktar tagħrif dwar Bike Intermodal, żur www.bike-intermodal.eu.

Dwar Bike Intermodal
Bike Intermodal huwa proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-kappa tal-FP7, u li permezz tiegħu ħadmu flimkien imsieħba mis-settur privat u dak pubbliku kif ukoll istituti ta’ riċerka: Tecnologie Urbane, kumpanija li tispeċjalizza fil-qasam tad-disinn urban, minn trasport għal micro-urbanismu, minn kommunikazzjoni għal għamara urbana (IT); Trilix, ditta ta’ iddisinjar u inġinerija awtomobilistiċi (IT); LPP (SI) u AFAT (IT), fornituri tat-trasport pubbliku; Maxon Motors, produtturi ewlenin ta’ ‘micro drives’ u sistemi ta’ preċiżjoni għolja (CH); Ticona, produtturi ewlenin ta’ polimer għall-industriji awtomobilistikċi, elettriċi u elettroniċi (DE); u l-Università ta’ Firenze (IT).

Dwar il-finanzjament Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni
Fl-1 ta’ Jannar 2014, l-UE nediet programm ta’ riċerka u innovazzjoni ġdid ta’ seba’ snin imsejjaħ Horizon 2020. Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-UE se tkun qed tinvesti madwar €80 biljun fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività ekonomika Ewropea u tkabbar l-għarfien. Il-baġit tal-UE għar-riċerka jiffoka l-aktar fuq l-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Proġetti ta’ riċerka bi sħab mal-industriji aerospazjali, tal-farmaċewtika, tal-karozzi, u tal-elettronika jinkoraġġixxu wkoll aktar investiment mis-settur privat, li jwassal għat-tkabbir ekonomiku waqt li jinħoloq aktar xogħol speċjalizzat. L-għan tal-programm Horizon 2020 huwa li aktar ideat innovattivi jissarrfu fi prodotti, proċessi u servizzi.

Tagħrif dwar l-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej jista’ jinkiseb mis-siti:
http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020
http://www.facebook.com/innovation.union
http://twitter.com/innovationunion

Kuntatt:
Il-Kummissjoni Ewrope: Michael JENNINGS – [email protected]

________________________
Fixies huma roti b’ingranaġġ wieħed imqabbad direttament maċ-ċentru tar-rota ta’ wara. Għalhekk, meta ddur ir-rota ta’ wara, iduru wkoll il-pedali.