Skip to content

Ixgħel id-dawl tax-xemx x’ħin trid

  • by
CoeLux Market

1 ta’ April 2014 |

CoeLux Office
CoeLux Office
  • Pazjenti fl-isptarijiet, ħaddiema fl-uffiċċji u dawk li jivvjaġġaw se jkunu minn tal-ewwel li se jibbenefikaw mit-teknoloġija COELUX li ddaħħal ġewwa l-ambjent ta’ barra!
  • Wieħed mit-tnax-il proġett innovattiv ippreżentati waqt il-Konvenzjoni tal-Innovazzjoni 2014 fi Brussell f’Marzu, u li għandu potenzjal kbir li jikseb parti mis-suq dinji tal-prodotti tal-illuminazzjoni, li hu stmat li jlaħħaq €58 biljun

Immaġinak f’kamra mingħajr twieqi, imma fl-istess ħin tħoss ix-xemx tiddi fuq wiċċek. Din l-esperjenza unika issa hija possibbli grazzi għal COELUX, proġett iffinanzjat mill-UE, li jirriproduċi b’mod artifiċjali l-effetti fiżiċi u ottiċi tad-dawl naturali f’postijiet magħluqa. Dan il-fenomenu wera li jħalli effetti pożittivi fuq l-kumdità u l-benesseri f’ambjenti interni u taħt l-art.

L-użu tal-aħħar teknoloġija LED li ma tikkunsmax ħafna enerġija, flimkien ma’ sistema ottika sofistikata magħmula minn materjal nanostrutturali f’sistema ta’ twieqi maħduma b’teknoloġija avvanzata, COELUX mhux biss għandha l-potenzjal li tirrivoluzzjona l-industrija u d-disinn kontemporanju tal-illuminazzjoni, imma wkoll issaħħaħ il-benesseri taċ-ċittadini fl-Ewropa u fil-kumplament tad-dinja.

Grazzi għal COELUX, wieħed jista’ jgawdi d-dawl tax-xemx kull ħin u kullimkien,” qal il-Professur Paolo Di Trapani, il-koordinatur tal-proġett u fiżiku fl-Università ta’ Insubria ġewwa Como, l-Italja, li l-proġett ta’ riċerka tiegħu kien immotivat mix-xewqa li kellu għal dawn l-aħħar 10 snin li jirrikrea d-dawl naturali. “Bħalma huwa diffiċli li tiddeskrivi r-riħa tal-fwieħa jew il-kulur tax-xemx tropikali, hekk ukoll huwa diffiċli li diddeskrivi l-effetti benefiċi ta’ din l-innovazzjoni minħabba l-perċezzjoni ta’ spazju infinit li tipproduċi din it-teknoloġija. Tabilħaqq, ir-riżultati miksuba matul l-iżvilupp tal-proġett juru li saħansitra anki persuni klawstrofobiċi jħossuhom kuntenti u rilassati meta jkunu esposti għad-dawl COELUX minkejja li jkunu f’kamra ta’ ftit metri kwadri mingħajr twieqi għal ħin twil.” It-teknoloġija hija l-propjetà ta’ “CoeLux Srl” fi ħdan id-dipartiment tal-IT ta’ Università ta’ Insubria..

Rikonoxximent akbar tal-effett tad-dawl fuq is-saħħa u l-benesseri
In-Nazzjonijiet Magħquda ddikjarat is-sena 2015 is-Sena Internazzjonali tad-Dawl sabiex tkabbar l-għarfien dwar l-effetti pożittivi tad-dawl fuq is-saħħa u l-benesseri. Dawl tax-xemx artifiċjali dirett u sħun idawwal u jsebbaħ l-oġġetti u l-ispazji domestiċi u pubbliċi u jagħmilhom aktar attraenti u akkoljenti. Il-logħob bid-dwal u bid-dellijiet jagħtuhom aktar volum u forma definita u dan jaffettwa kif l-individwu jirreaġixxi u jinteraġixxi mal-ambjent.

Mit-teknoloġija COELUX jistgħu jibbenefikaw dawk kollha li ma m’għandhomx biżżejjed dawl tax-xemx. Din ġiet imfassla b’mod partikolari għall-industrija tas-saħħa, imma tista’ tiġi applikata f’kull tip ta’ ambjent, fosthom ħwienet, lukandi, mużewijiet, ajruporti, it-trasport ta’ taħt l-art, ċentri ta’ saħħa u dawk sportivi, swali taċ-ċinema, uffiċċji u postijiet industrijali. Dawk li jaħdmu jew jgħixu taħt l-art, kemm minħabba limitazzjoni ta’ spazju, kif ukoll minħabba klimi estremi, bħal fil-każ tal-Kanada u tal-Emirati Għarab Magħquda, jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn din it-teknoloġija. Din it-teknoloġija tgħodd ukoll għal dawk il-pajjiżi li jinsabu ’il bogħod mill-ekwatur, qrib l-Artiku jew Antartiku, minħabba li jkunu nieqsa mid-dawl naturali għal perjodi twal tas-sena.

Kif taħdem
COELUX jgħaqqad tliet elementi ewlenin:

  • l-aħħar teknoloġija LED li tirriproduċi l-ispettru tad-dawl tax-xemx
  • sistema ottika sofistikata li toħloq sensazzjoni ta’ distanza bejn is-sema u x-xemx
  • materjal nanostrutturali, oħxon biss ftit millimetri, li jirrikrea l-proċess kollu tar-‘Rayleigh scattering’ li jseħħ fl-atmosfera

Dawn l-elementi huma inkorporati f’sistema ta’ twieqi maħdumin b’teknoloġija avvanzata li toffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet u possibiltajiet fl-iddisinjar ta’ ispazji interni. It-twieqi COELUX jipprovdu tliet tipi ta’ dawl, dak nordiku, Mediterranju, u dak tropikali.

L-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott
Il-porġett ta’ riċerka COELUX ibbenefika minn €2.5m f’fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-kappa tal-FP7. Il-Professur Di Trapani saħaq li “il-finanzjament mill-UE kien essenzjali biex stajna ninvestu fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija, kif ukoll biex koprejna l-ispejjeż sabiex stajna nuru kif taħdem. Dawn il-fondi kienu ukoll ta’ għajnuna kbira sabiex stajna nikkonvinċu investituri oħra jingħaqdu magħna u jappoġġawna. Nixtieq inħeġġeġ SMEs oħra japplikaw għal fondi mill-UE għax b’hekk ikunu qed jiftħu l-bibien tagħhom għal opportunitajiet ġodda.

It-teknoloġija COELUX, li għandha tiddaħħal fis-suq lejn l-aħħar ta’ din is-sena, se tkun qed toffri opportunità kbira ta’ negozju għall-imsieħba tal-proġett u għan-netwerk ta’ impriżi Ewropej li se jkunu involuti fil-produzzjoni, fil-wiri ta’ kif taħdem u fl-implimentazzjoni tagħha. Is-suq globali f’dan is-settur huwa stmat li jleħħaq it-€58 biljun u din l-innovazzjoni għandha potenzjal kbir li tikseb parti minn dan is-suq, u b’hekk tkabbar il-kompetittività u toħloq aktar impiegi waqt li tikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadin Ewropew.

Michael Jennings, f’isem il-Kummissarju responsabbli għar-riċerka, ix-xjenza, u l-innovazzjoni Máire Geoghegan-Quinn, qal li “Bosta oqsma fil-ħajja tagħna – fosthom l-enerġija, it-trasport, il-mediċina, is-sigurtà fl-ikel, is-saħħa u l-benesseri – qed jiġu msaħħa u anki rivoluzzjonizzati bin-nanoteknoloġija. Il-proġett COELUX huwa eżempju ċar ta’ kif idea sempliċi imma diffiċli li ssir realtà – is-simulazzjoni tad-dawl tax-xemx – tista’ titwettaq fil-prattika. Jidher ċar li din tista’ tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ kuljum.

Dwar COELUX
COELUX® huwa proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-kappa tal-FP7. Il-proġett COELUX kien fost it-tnax-il proġett innovattiv li l-Kummissjoni Ewropea ippreżentat fil-Konvenzjoni tal-Innovazzjoni 2014 fi Brussell f’Marzu. COELUX jgħaqqad tliet elementi ewlenin: l-aħħar teknoloġija LED li tirriproduċi l-ispettru tad-dawl tax-xemx; sistema ottika sofistikata li toħloq sensazzjoni ta’ distanza bejn is-sema u x-xemx; u materjal nanostrutturali, oħxon biss ftit millimetri, li jirrikrea l-proċess kollu tar-Rayleigh scattering li jseħħ fl-atmosfera. Dawn l-elementi huma inkorporati f’sistema ta’ twieqi “high-tech” li joffru firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet u possibiltajiet fl-iddisinjar ta’ ispazji interni u illuminazzjoni. COELUX huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn COELUX, is-sidien ta’ din it-teknoloġija (IT), Next Limit Technologies, is-sidien tal-‘photorealistic rendering engine’ Maxwell Render u Ekspobalta, responsabbli mill-installazzjonijiet ta’ COELUX fuq skala kbira madwar id-dinja (LT), kif ukoll bis-sehem tal-imsieħba fir-riċerka Griffin Software Srl, (RO), Eidgenössische Technische Hochschule (CH), BARTENBACH GmbH, Aldrans (AT) u Comonext Scpa (IT). Aktar tagħrif dwar COELUX® jista’ jinkiseb mis-sit www.coelux.com.

Dwar il-finanzjament Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni
Fl-1 ta’ Jannar 2014, l-UE nediet programm ta’ riċerka u innovazzjoni ġdid ta’ seba’ snin imsejjaħ Horizon 2020. Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-UE se tkun qed tinvesti madwar €80 biljun fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività ekonomika Ewropea u tkabbar l-għarfien. Il-baġit tal-UE għar-riċerka jiffoka l-aktar fuq l-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Proġetti ta’ riċerka bi sħab mal-industriji aerospazjali, tal-farmaċewtika, tal-karozzi, u tal-elettronika jinkoraġġixxu wkoll aktar investiment mis-settur privat, li jwassal għat-tkabbir ekonomiku waqt li jinħoloq aktar xogħol speċjalizzat. L-għan tal-programm Horizon 2020 huwa li aktar ideat innovattivi jissarrfu fi prodotti, proċessi u servizzi.

Horizon 2020 - The EU framework programme for Research and Innovation
Horizon 2020 – The EU framework programme for Research and Innovation

Tagħrif dwar l-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej jista’ jinkiseb mis-siti:
http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020
http://www.facebook.com/innovation.union
http://twitter.com/innovationunion