Skip to content

App tagħmel iż-żjarat fil-mużewijiet esperjenza pesonalizzata u interattiva

  • by
CHESS AR Statue ecolorization

6 ta’ Marzu 2014 |

Studju li sar f’68 mużew u sit storiku madwar il-Gżejjer Maltin wera li, fl-2011, dawn is-siti żaruhom 1.9 miljun viżitatur*.

  • Il-viżitaturi jistgħu jużaw mobile devices biex iż-żjarat f’mużewijiet u siti storiċi li jagħmlu jkunu esperjenza personalizzata u unika, waqt li jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-wirt kulturali
  • Il-proġett CHESS, żviluppat minn imsieħba minn Franza, il-Greċja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, u li ġie ffinanzjat mill-UE, se jintwera fil-Konvenzjoni dwar l-Innovazzjoni li se ssir fi Brussell fl-10 u l-11 ta’ Marzu

Dawk li jkunu qed jippjanaw xi żjara f’xi mużew f’xi pajjiż Ewropew se jkunu jistgħu jfasslu l-esperjenza kulturali tagħhom qabel ma jitilqu mid-dar jew jitilgħu fuq l-ajruplan grazzi għal app innovattiva li ttejjeb l-istampa b’mod diġitali (augmented reality) u li tuża teknoloġija ta’ ġeo-lokalizzazzjoni biex mawra ordinarja f’mużew tinbidel f’esperjenza personalizzata u interattiva.

Konsorzju magħmul minn istituzzjonijiet akkademiċi, industrijali u kulturali minn għad ta’ pajjiżi Ewropej ibbenefikaw minn investiment mill-UE sabiex ħolqu u żviluppaw teknoloġija għall-mobile devices li tippermetti lill-viżitaturi jarrikkixxu ż-żjara kulturali tagħhom billi jieħdu sehem f’esperjenza personalizzata u interattiva maħluqa mill-mużewijiet u siti storiċi. L-app CHESS, li se tkun tista’ titniżżel fuq smartphones u tablets, għandha l-għan li terġa’ tagħti l-ħajja lill-imgħoddi u ġġib il-kultura u l-istorja eqreb tal-viżitatur.

Żjara bi gwida hija esperjenza passiva. L-app CHESS tagħmel żjara f’mużew esperjenza simili għal logħba diġitali, fejn il-viżitatur ikun il-protagonist u jinvolvi ruħu fil-wirt kulturali. Minbarra li jingħata t-tagħrif dwar l-esebit, il-viżitatur jintalab iwieġeb mistoqsijiet ta’ taħbil il-moħħ. Dan jgħin biex jinħoloq aktar interess u jagħmel iż-żjara aktar pjaċevoli, l-aktar fost il-viżitaturi żgħar li huma midħla sew tal-logħob diġitali,” spjega Dr Olivier Balet minn DIGINEXT, il-kumpanija Franċiża li kkoordinat il-proġett.

CHESS AR Statue Recolorization And Speak
CHESS AR Statue Recolorization And Speak

Kif taħdem
Il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat l-iżvilupp tal-proġett CHESS (Cultural-Heritage Experiences through Socio-personal interactions and Storytelling) b’investiment ta’ aktar €2.8 miljun li l-għan tiegħu hu li ż-żjarat fil-mużewijiet u siti storiċi jkunu aktar interessanti u interattivi. Dan il-proġett wassal biex ġew żviluppati għadd ta’ għodod innovattivi li jilħqu eżattament dan l-għan. B’hekk fiċ-ċentru taż-żjara se jkun hemm il-viżitatur inniffsu, li se jkun jista’ jieħu sehem f’esperjenzi personalizzati maħluqa għalih mill-mużew jew is-siti kulturali. Il-viżitatur jirreġistra x’jinteressah, x’jogħġbu u x’ ma jogħġbux fuq l-online CHESS visitor survey. Din l-għodda mbagħad tfassal kwestjonarji li tgħaqqad t-tweġibiet ma’ karattru li jirrappreżenta lill-viżitatur. Iċ-CHESS authoring tool tippermetti lill-kuraturi u l-ħaddiema tal-mużewijiet jiżviluppaw stejjer interattivi b’għadd ta’ mogħdijiet differenti li jintegraw mal-kontenut multimidjali. Fl-aħħarnett, l-iStorytelling engine tippreżenta l-istorja skont il-mogħdijiet definiti u tippersonalizza u taddatta b’mod dinamiku l-istorja skont l-għażliet li jagħmel il-viżitatur, u taġġorna l-profil tiegħu skont kif tiżviluppa l-istorja.

B’differenza minn żjajjar gwidati, l-app CHESS tigwida lill-viżitatur skont l-interessi individwali tiegħu, bl-ammont ta’ informazzjoni dettaljata li jkun jixtieq. L-istejjer jistgħu jiġu msaħħa b’teknoloġija 3D u b’augmented reality games, u f’xi każijiet l-oġġetti jitkellmu u jistiednu l-viżitatur jinteraġixxi magħhom.

Meta ż-żjara fil-mużew tintemm, il-viżitatur isibu filmat u ritratt mill-istorja tiegħu stess fuq is-sit elettroniku tal-mużew, tifkira li jkun jista’ jaqsamha mal-ħbieb u l-qraba tiegħu. Skont Dr Maria Roussou mill-Università ta’ Ateni, il-proġett għandu l-potenzjal li jbiddel il-mod ta’ kif naġixxu u ninteraġixxu meta nżuru l-mużewijiet.

L-għan tal-app CHESS huwa li kull viżitatur ikollu esperjenza personalizzata u unika, skont il-gosti u l-interessi tiegħu. Jekk nidderiġu l-viżitatur lejn dawk l-artefatti li l-aktar li jinteressawh, u noffrulu kontenut interattiv bħal kwizzis u logħob, inkunu qed intejbulu l-esperjenza tiegħu. Dan mhux biss huwa ta’ benefiċċju għall-viżitatur, imma wkoll għall-mużewijiet, li jridu li l-viżitatur ikollu l-aħjar esperjenza u li jerġa’ jżur is-sit drabi oħra,” saħaq il-Professur Yannis Ioannidis mill-Università ta’ Ateni.

L-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott
CHESS ġie ppruvat b’suċċess għal aktar minn sitt xhur fil-mużew tal-Akropoli f’Ateni, il-Greċja, kif ukoll ġewwa Cité de l’Espace Park f’Toulouse, Franza.

CHESS, li ġie żviluppat minn seba’ msieħba minn erba’ pajjiżi – Franza, il-Greċja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja – se jgħaddi mill-fażi ta’ riċerka għal dik kummerċjali hekk kif il-koordinatur tal-proġett, DIGINEXT se jdaħħal dan il-prodott fis-suq fuq perjodu ta’ sentejn.

Dr Balet qal li, “Dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju mill-UE. Kien hemm ħtieġa ta’ ħiliet kbar f’diversi oqsma, li ġeneralment ma ssibhomx fuq livell nazzjonali fl-Ewropa. B’55,000 mużew madwar id-dinja, l-opportunitajiet għat-tkabbir huma fuq livell globali.

Michael Jennings, f’isem il-Kummissarju responsabbli għar-riċerka, ix-xjenza, u l-innovazzjoni Máire Geoghegan-Quinn, qal li “L-Ewropa għandha storja kbira, u teknoloġija bħal CHESS tista’ terġa’ ttiha l-ħajja għal ġenerazzjoni diġitali u ssir aktar aċċessibbli għal kulħadd. Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi huma prijorità għall-programm Horizon2020 u dan jinkludi l-innovazzjoni biex nikkomunikaw u ngħallmu l-wirt kulturali Ewropew.

Biex tara t-teknoloġija CHESS titħaddem, agħfas hawn .

Dwar CHESS
CHESS (Cultural Heritage Experiences through Socio-personal interactions and Storytelling) huwa proġett ko-finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-kappa tal-FP7. L-għan prinċipali ta’ CHESS huwa li jiġu rriċerkati, implimentati u evalwati, kemm l-esperjenza ta’ stejjer interattivi u personalizzati għall-viżitaturi ta’ siti kulturali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ dawn l-istejjer mill-esperti tal-kontenut kulturali. CHESS huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn DIGINEXT (FR), National Kapodistrian University of Athens (EL), University of Nottingham (UK), Fraunhofer Institute for Computer Graphics (DE), Real Fusio (FR), Acropolis Museum (EL) u Cité de l’espace (FR). http://www.chessexperience.eu/

Dwar finanzjament Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni
Fl-1 ta’ Jannar 2014, l-UE nediet programm ta’ riċerka u innovazzjoni ġdid ta’ seba’ snin imsejjaħ Horizon 2020. Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-UE se tkun qed tinvesti madwar €80 biljun fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività ekonomika Ewropea u tkabbar l-għarfien. Il-baġit tal-UE għar-riċerka jiffoka l-aktar fuq l-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Proġetti ta’ riċerka bi sħab mal-industriji aerospazjali, tal-farmaċewtika, tal-karozzi, u tal-elettronika jinkoraġġixxu wkoll aktar investiment mis-settur privat, li jwassal għat-tkabbir ekonomiku waqt li jinħoloq aktar xogħol speċjalizzat. L-għan tal-programm Horizon 2020 huwa li aktar ideat innovattivi jissarrfu fi prodotti, proċessi u servizzi.

Horizon 2020 - The EU framework programme for Research and Innovation
Horizon 2020 – The EU framework programme for Research and Innovation

Tagħrif dwar l-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej jista’ jinkiseb mis-siti:
http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/
http://www.facebook.com/innovation.union
http://twitter.com/innovationunion

_____________________________
* Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, News Release (Museums and Historical sites: 2010-2011, 20 ta’ Novembru 2012) 226/2012. http://www.nso.gov.mt/statdoc/document_file.aspx?id=3470