Skip to content

Stampar 3D – Mill-mediċina għal fuq il-passarella tal-moda

  • by
3D printing

3 ta’ Lulju 2013 |

Żviluppi kbar fil-qasam tal-moda grazzi għall-kumpanija Belġjana Materialise, b’fondi mill-UE

3D printing
3D printing

Matul il-Ġimgħa tal-Moda li qed issir f’Pariġi din il-ġimgħa, ġiet ippreżentata libsa iddisinjata mill-istilista Olandiża Iris van Herpen, magħmula permezz ta’ stampar 3D b’teknoloġija żviluppata mill-kumpanija Belġjana Materialise. Il-libsa nħadmet permezz tal-użu ta’ teknoloġija l-aktar avvanzata u li qed twassal għal rivoluzzjoni żgħira fil-qasam tal-moda bħal ma għamlet f’dak mediku. Il-kumpanija Materialise kienet minn tal-ewwel li żviluppat programmi u soluzzjonijiet tal-komputer imsejħa Additive Manufacturing (AM), magħrufa aħjar bħala stampar 3D, u li permezz ta’ għajnuna finanzjara mill-Kummissjoni Ewropea kibret minn proġett universitarju għal kumpanija mulitnazzjonali.

F’kumment li ta dwar il-kollezzjoni, Sven Hermans, Account Manager fi ħdan Materialise qal li, “Din kienet l-ewwel darba li ħdimna flimkien ma’ Iris van Herpen, fejn ipproduċejna materjal bi struttura unika li jixbaħ għadam trasparenti permezz tal-Mammoth Stereolithography. Grazzi għall-istampar 3D, il-ħwejjeġ jinħadmu skont il-qies ta’ min se jilbishom, u ma jkollhomx ħjata. Il-kollaborazzjoni ma’ Iris van Herpen, fejn ħloqna ħwejjeġ minn disinji ġeometriċi kumplessi, kienet esperjenza eċċitanti. Bl-istampar 3D tista’ tagħmel dak kollu li ma jistax isir fil-manifattura tal-ħwejjeġ b’disinji kumplessi, f’ħin qasir u mingħajr ħjata.”

Il-proċess
Id-disinn inħadem fuq il-komputer bil-kollaborazzjoni ta’ Isaie Bloch, perit u computer graphic artist Belġjan, qabel ma ġie rfinut bi programm żviluppat minn Materialise. Wara li ġie eżaminat u tneħħewlu d-difetti li seta’ kellu, id-disinn intbgħat għall-istampar. Id-disinn ħa l-ħajja permezz tal-Mammoth Stereolithography, teknika ta’ ‘additive manufacturing’ li permezz tagħha l-oġġetti jinħolqu saff saff. Raġġi UV jirriproduċu d-disinn f’reżina likwida li tagħqad meta tintlaqat mil-laser u b’hekk jifforma l-oġġett 3D bil-mod il-mod.

Materialise appoġġjata mill-UE
Il-kumpanija Materialise oriġinat minn proġett universitarju ta’ ‘rapid prototyping applications’. Maż-żmien, il-kumpanija bdiet tipprovdi lill-kirurgi mudelli preċiżi tal-organi interni tal-pazjenti tagħhom wara li jkun sarilhom CT jew MR scan. Dawn il-mudelli tejbu konsiderevolment kemm id-dijanjosi kif ukoll l-ippjanar kirurġiku, u ntużaw biex saru fuqhom impjanti kirurġiċi jew protesi. Permezz ta’ riċerka kontinwa u b’investiment kbir fl-innovazzjoni, u bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, l-użu tat-teknoloġija kompla jevolvi u jiddiversifika, sabiex illum it-teknoloġija hija aċċessibbli għall-kamp mediku, l-industrija tal-karozzi, u għad ta’ prodotti oħra. Il-kumpanija hija fuq quddiemnett fit-teknoloġija tal-istampar 3D, b’madwar 900 impjegat, waqt li ssaħħaħ l-industrija Ewropea u toħloq impjiegi ġodda.

Wilfried Vancraen, il-fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Materialise stqarr: “Il-Kumpanija ma setgħet qatt issir dik li hi mingħajr l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea. Din l-għajnuna tat l-opportunità lil kumpanija żgħir tiżviluppa fuq medda ta’ żmien.”

It-teknoloġija ta’ stampar 3D saret important ħafna, fejn permezz tagħha jkunu jistgħu jinħadmu mudelli uniċi ta’ prodotti ġodda b’mod effiċjenti hekk kif l-informazzjoni dwar il-prodott tingħadda lill-inġiniera u d-disinjaturi fl-istadju tal-iddisinjar. L-istess teknoloġija ntużat ukoll reċentament ġewwa La Fenice Opera House, f’Venezja, għall-produzzjoni Madame Butterfly li ttellgħat mill-artist kontemporanju Ġappuniż Mariko Mori. Id-Direttur Kreattiv ta’ Materialise, Joris Debo, u Mariko Mori Studio ipproduċew flimkien il-ġwienaħ għall-karattru prinċipali permezz tal-istampar 3D.

“Materialise hija eżempju eċċellenti tal-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-Kumpanija rnexxhiela tapplika f’setturi varji teknoloġija li oriġinarjament kienet żviluppata għal skop mediku,” ikkummenta Michael Jennings, il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għar-riċerka, ix-xjenza, u l-innovazzjoni. “L-industriji kulturali u kreattivi li qed jibbenefikaw minn din it-teknoloġija jammontaw għal 3.3% tal-ekonomija Ewropea u bejniethom jimpjegaw 6.7 miljun ruħ. Għalhekk, issa għandna proċess ta’ manifattura li għamel suċċess, żviluppat fl-Ewropa, u li jsostni waħda mill-industriji ta’ esportazzjoni ewlenin Ewropej.”

Il-futur tal-istampar 3D fid-disinn u l-manifattura
L-istampar 3D evolva, u aktar ma jmur aktar qed ikun rikonoxxut bħala teknoloġija ta’ manifattura. Il-vantaġġi u l-potenzjal ta’ din it-teknoloġija huma ħafna: mhemmx għalfejn li prodott jinħażen għax dan jista’ jiġi stampat skont il-bżonn, iż-żmien biex prodott jasal fis-suq huwa qasir (ladarba jkunu saru l-modifiki fil-programm tal-komputer, l-istampar ikun jista’ jitkompla), kif ukoll jistgħu jsiru ħafna prodotti uniċi.

Dwar finanzjament Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni
Fl-2014 l-UE se tniedi programm ta’ riċerka u innovazzjoni ġdid ta’ seba’ snin imsejjaħ Horizon 2020. Mill-2007 ’l hawn, l-UE investiet kważi €50 biljun fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività ekonomika Ewropea u tkabbar l-għarfien. Il-baġit tal-UE għar-riċerka huwa madwar 12% tal-ispiża pubblika kollha minfuqa fuq ir-riċerka mit-28 Stat Membru tal-UE, u tiffoka l-aktar fuq l-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Saru ukoll proġetti ta’ riċerka bi sħab mal-industriji aerospazjali, tal-farmaċewtika, tal-karozzi, u tal-elettronika biex ikun inkoraġġit aktar l-investiment mis-settur privat għat-tkabbir ekonomiku waqt li jinħoloq aktar xogħol speċjalizzat.  L-għan tal-programm Horizon 2020 huwa li ideat innovattivi jkunu jistgħu jissarrfu fi prodotti, proċessi u servizzi.

Għall-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej żur http://www.facebook.com/innovation.union u http://twitter.com/innovationunion

Dwar Materialise
Il-kwartieri ġenerali tal-kumpanija Materialise jinsabu f’Leuven, il-Belġju, u hija preżenti f’għadd ta’ pajjiżi. Materialise ilha attiva fil-qasam tal-Additive Manufacturing (AM) sa mill-1990. Minbarra li hija l-aktar kumpanija attrezzata b’apparat tal-Additive Manufacturing fl-Ewropa, hija magħrufa ħafna ukoll għal programmi innovattivi tal-komputer. Użat l-esperjenza u l-għarfien tagħha biex ħolqot dinja aħjar u aktar b’saħħitha bis-sehem tagħha fl-użu industrijali u mediku tal-AM u billi pprovdiet soluzzjonijiet bio-mediċi u kliniċi bħal ma huma l-ipproċessar ta’ immaġini mediċi u simulazzjonijiet kirurġiċi. Materialise żviluppat soluzzjonijiet uniċi li jagħmlu l-ħajja tal-konsumatur aħjar. Il-klijenti tal-Kumpanija jvarjaw minn kumpaniji kbar tal-karozzi u tal-elettronika, sptarijiet kbar, istituzzjonijiet ta’ riċerka u kliniċi għal individwi li jixtiequ jiżviluppaw l-ideat tagħhom u jattwawhom permezz ta’ ‘i.materialise’ jew jixtiequ jakkwistaw xi prodott ‘.MGX’.

Il-makkinarju Mammoth ta’ Materialise huwa l-akbar u l-aktar makkinarju ta’ stereolithography veloċi fid-dinja, mibnij minn u b’mod esklussiv għall-Kumpanija.

Għal aktar tagħrif dwar Materialise żur http://www.materialise.com.

 

 

Kuntatt – Il-Kummissjoni Ewropea:: Michael JENNINGS