Skip to content

Optix, proġett iffinanzjat mill-UE, jagħmel avvanzi kbar fit-tfittxija u s-sejbien tal-isplussiv

  • by
Optix

25 ta’ April 2013 |

L-apparat, li huwa bbażat fuq teknoloġija ottika avvanzata, jista’ jindividwa kwantitajiet ta’ inqas minn 1 mg ta’ splussiv sa 20 metru bogħod.

Optix
Optix

Il-konsorzju Optix, li huwa mmexxi mill-multinazzjonali ta’ konsulenza u teknoloġija Indra, ingħata €2.4 miljun f’fondi mill-Kummissjoni Ewropea biex żviluppa u pprova b’suċċess prototip li kapaċi jidentifika ammonti żgħar ħafna ta’ splussiv sa 20 metru bogħod – għodda imprezzabbli għall-pulizija u l-forzi tas-sigurtà fil-ġlieda tagħhom kontra attakki bil-bombi. Sal-lum ma kien hemm ebda organizzazzjoni ta’ riċerka jew kumpanija li kisbet dan ir-riżultat, li jpoġġi l-industrija Ewropea fuq quddiem nett fl-aċċessibilità ta’ teknoloġija mis-swieq.

Is-sejbien ta’ traċċi ta’ splussiv mill-bogħod għandha żżid is-sigurtà kullimkien. Minbarra li s-sigurtà tkun ikbar, l-inkonvenjent għaċ-ċittadin jonqos drastikament bl-użu ta’ sistema mhux invażiva u perikoluża waqt tfittxija għall-isplussiv,” spjega Alberto Calvo, id-Direttur għas-Sigurtà ta’ Indra.

Kif taħdem is-sistema Optix
Is-sistema tuża teknoloġija ottika avvanzata fejn il-lasers jistgħu jidentifikaw f’ħin qasir, mill-bogħod u b’mod preċiż, l-istruttura atomika u molekulari ta’ splussiv f’oġġetti suspettużi, bħal vetturi, bagalji jew kwalunkwe kontenitur ieħor. Huwa prattikament impossibbli li splussiv ikun immaniġġjat u ttrasportat mingħajr ma titħalla ebda evidenza: dejjem jibqa’ traċċi ta’ splussiv mal-oġġett li jkun intuża biex jinġarr fih, mal-idejn ta’ min ikun missu, kif ukoll ma’ kull oġġett li jkun jmiss miegħu.

Is-sistema se tkun tista’ tinġarr f’vetturi ta’ daqs normali saż-żoni investigati. L-apparat jitmexxa madwar iż-żoni mill-bogħod minn uffiċjali tal-forzi tal-ordni waqt li janalizzaw fil-post permezz ta’ komputer l-uċuħ fejn jista’ jkun li tħallew xi traċċi, bħall-istering jew il-bibien ta’ vetturi.

Riżultati pożittivi tat-testijiet u l-applikazzjonijiet potenzjali differenti fis-suq
Il-prototip Optix diġà ġie ppruvat b’suċċess kemm fil-laboratorji kif ukoll fil-beraħ, f’sitwazzjonijiet simulati u f’kundizzjonijiet ta’ temp varji. Qabel jgħaddi f’idejn il-forzi tal-ordni, se jkomplu jsiru aktar testijiet fuq l-apparat sabiex jiżdiedu s-sensittività, il-preċiżjoni u r-robustezza tas-sistema. Il-kummerċjalizzazzjoni tas-sistema għandha twassal għal titjib fis-sigurtà taċ-ċittadini kif ukoll għall-kompetittività tal-industrija Ewropea, sabiex l-kontinent ikun inqas dipendenti minn teknoloġiji importati.

Minbarra l-użu tiegħu fit-tfittxija mill-bogħod għall-isplussiv, it-tekonloġija bil-laser żviluppata mill-konsorzju Optix għandha potenzjal f’oqsma oħra, fosthom dik tal-forensika.

Biex tiggarantixxi s-suċċess tal-programm, sar sforz biex ikun involut b’mod attiv kull min se juża din it-teknoloġija, il-forzi tas-sigurtà Ewropej u l-korpi tas-sigurtà li speċjalizzaw fit-tfittxija u n-newtralizzazzjoni ta’ splussivi. Esperti mill-Guardia Civil (il-pulizija Spanjola), Mossos de D’Esquadra (il-pulizija Katalana), Ertzaintza (il-pulizija Baska), kif ukoll il-pulizija Rumena, Pollakka u Taljana mexxew taħriġ dwar din it-teknoloġija u dwar il-potenzjal tagħha.

Optix huwa wieħed mill-proġetti ta’ sigurtà li qed ikun iffinanzjat mill-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Optix
Optix

Dwar il-Konsorzju Optix
Il-konsorzju Optix, immexxi minn Indra, huwa magħmul minn industriji u akkademiċi: l-Aġenzija ta’ Riċerka għad-Difiża Svediża (FOI); SMEs Ekspla (il-Litwanja) u Avantes (il-Pajjiżi l-Baxxi); l-Universitajiet ta’ Clausthal u Dortmund (il-Ġermanja), u ta’ Vjenna (l-Awstrija) u l-Università ta’ Málaga (Spanja); it-Taqsima TEDAX fi ħdan il-Gwardja Ċivili (it-Taqsima tal-Isplussivi tal-pulizija Spanjola, Valdemoro, Madrid) bħala utenti fl-ewwel livell u sieħba istituzzjonali.

 

Aktar Tagħrif

Il-Proġett Optix iffoka fuq l-iżvilupp u l-użu konġunt ta’ żewġ teknoloġiji għal tfittix ta’ splussiv:

  • LIBS spectroscopy, li tidentifika l-emissjonijiet (atomiċi u molekulari) li joħorġu meta l-isplussiv jintlaqat minn laser b’enerġija b’saħħitha (“spark”) u
  • Raman spectroscopy, li jkejjel il-varjazzjonijiet fil-vibrazzjoni tal-molekuli meta jintlaqtu mil-laser, li jwassal biex tiġi identifikata bla ebda dubju l-istruttura molekulari tagħhom

Bħala parti mill-proġett ta’ riċerka, saru testijiet ukoll fuq l-applikazzjoni tal-iSpatial Offset Raman Spectroscopy. Permezz tar-Raman Spectroscopy tista’ ssir analiżi kimika preċiża ħafna ta’ oġġetti mgħottija, b’hekk ikun jista’ jinstab splussiv mill-bogħod li jkun mistur f’kontenituri skuri.

Video Clip: http://vimeo.com/48946352

Social Media:
Facebook: www.facebook.com/innovation.union
Twitter: http://twitter.com/innovationunion

 

Kuntatti – Il-Kummissjoni Ewropea: Michael JENNINGS u Monika WCISLO